“
Aħjar ma taħsibx wisq dwar kif seħħew l-affarijiet dakinhar. Li kieku ma kellekx tidħol il-Belt biex tagħmel passaport ġdid għax kien appik li jiskadilek, bit-timbri kollha li kien fih tal-Ingilterra xhieda siekta ta’ kemm kien ilu jaqdi dmiru għalik, u li kieku ma ħlejtx għoxrin minuta tixrob cappuccino ġo dak il-café partikolari li għażilt għax dejjem iħajrek id-decor old-world Valletta tiegħu, u li kieku wara, bqajt ħiereġ mill-Belt, wara li lestejt dak li kellek tagħmel; u ejja ngħidu li kieku ma domtx għoxrin minuta fil-café iżda tmintax-il minuta, jew ħamsa u għoxrin, jew li kieku tħajjart, kif ġiek il-ħsieb għal sekonda tnejn meta għaddejt minn quddiem il-ħanut, li taqbeż qabża ġewwa u tara jekk kienx jgħodd għalik dak iż-żarbun li rajt fil-vetrina, li kieku li kieku... li kieku, xejn minn dak li ġara f’ħajtek ma kien jiġri. Li kieku, ħajtek kieku min jaf fejn kienet tieħdok? Post isbaħ? Agħar? Li kieku, li kieku, li kieku. Li sar sar. Għalhekk aħjar ma taħsibx wisq dwar dik l-għodwa, għax għalxejn, u għax iċ-ċansis huma li tispiċċa tiġġennen jekk tippersisti f’eżerċizzju ta’ futilità totali li jġib biss disprament quddiem iċ-ċokon ta’ kull individwu meta tqis il-biljuni ta’ mumenti żgħar li f’katina, wieħed wara l-ieħor, isegwu ’l xulxin u jiffurmaw kif ġie ġie l-illużjoni assurda ta’ xmara ta’ ħajja waħda, sħiħa, integra, li l-bniedem mingħalih li jiddedċiedi hu fejn tieħdu.
”
”